Il-145 Anniversarju mit-Twaqqif tad-Djoċesi Għawdxi
Il-jum tas-16 ta’ Settembru 1864, hija grajja storika li mhux la kemm tintesta fl-annali tal-istorja Għawdxija, ghaliex kien propju f’dan il-jum meta l-mibki Beatu Papa Piju IX permezz tal-“Bulla Singulari Amore ‘B’imħabba liema bhala’ u d-Digriet Pastores Aeterni” ddikjara t-twaqqif tal-Djoċesi Għawdxija jiġifieri li l-gżira Għawdxija ġiet indipendenti minn dik ta’ Malta, u kien permezz tal-istess bolla li l-Knisja Kolleġjata tal-Assunta ġiet imgħollija għall-ġieħ ta’ Katidral.
“L-aħbar tat-twaqqif tad-djoċesi waslet Malta l-għada filgħodu, u dakinhar stess f’Għawdex. F’Għawdex saret festa kbira: bid-daqq tal-qniepen tal-knejjes kollha u bil-ward li l-Għawdxin ġabu fuq il-presbiterju tal-katidral quddiem il-monument tal-Papa Piju IX.
Fit-23 ta’ Ottubru 1864 sar l-ingress ta’ l-isqof fil-Katidral il-ġdid ta’ Għawdex. Sabiex juri l-ferħ tiegħu għal din il-ġrajja, meta l-Gvern Ingliż sar jaf li Għawdex kien ser jinqata’ bħala djoċesi, bena t-triq li mit-tokk twassal sal-Katidral...” (Mons. Joe Bezzina, L-istorja tal-Knisja f’Malta u Għawdex. 2001).
Tajjeb li f’dan il-jum niftakru fit-talb tagħna għal dawk kollha li ħadmu u stinkaw sabiex Għawdex issir djoċesi awtonima minn dik ta’ Malta. Illum fil-Katidral tagħna l-Wisq Reverendu Kapitlu mexxa konċelebrazzjoni sollenni tar-Radd il-Ħajr u fl-aħħar tal-quddiesa tkanta l-TE DEUM bħala ringrazzjament lil Alla fl-okkażjoni ta’ din il-ġrajja kbira.



