Esperjenza li ma ninsieha qatt PDF Print E-mail
Aħbarijiet
Written by Matthew Azzopardi   
Wednesday, 26 August 2009 16:39

L-Esperjenza ta’ Matthew Azzopardi fil-Belt tal-Vatikan

Nhar is-7 ta’ Awissu sebaħ il-jum li fih kelli nsiefer lejn Ruma sabiex nqatta ħmistax–il ġurnata nservi ta’ abbati fil-Bażilika ta’ San Pietru. Konna grupp ta’ dsatax, erba’ Għawdxin u l-bqija Maltin. L-Għawdxin l-oħra kienu Luke Grech mill-Knisja tal-Kapuċċini, Andrew Mizzi mill-paroċċa ta’ Kerċem u Paul Parnis mill-paroċċa tal-Munxar. Biex wieħed jintgħażel kellu jagħmel eżami speċjali u wara jattendi għal seba’ laqgħat f’Malta.

Jakkumpanjana minn Għawdex kellna wkoll lis-Seminarista Samuel Grech.

F’Malta sibna jistennewna lil sħabna Maltin flimkien ma Dun Frans Bonnici.

Ġewwa Fiumicino sibna wkoll jistennewna lil Fr Daniel li jaħdem il-Libja flimkien ma żewg abbatini oħra mill-Gabon. Il-coach minnufih ħaditna għall-Preseminario San Pio X, fejn kellna noqgħodu għal dawk il-ħmistax. Ftit wara Dun Frans beda jdawwarna mal-Bażilika u jqassmilna x-xogħol.

Matul din il-qagħda tiegħi ġewwa l-Vatican kelli diversi esperjenzi. Ta’ kull filgħodu, għal ħabta tas-sitta u nofs konna nkunu ġewwa l-Bażilika, min jixgħel l-altari, min ilesti l-kalċijiet, u min jiprepara l-impulozzi. Imbagħad jibdew deħlin l-qassisin li jkunu jridu jqaddsu ġewwa l-Bażilika ta’ San Pietru. Dawn normalment kienu jkunu fuq btala u għalhekk kienu jkunu stranieri bħalna. Ahna konna nkunu pronti sabiex ngħinuhom jilbsu u noħorgu magħhom ngħinuhom fil-quddies.

Kelli esperjenza unika li ngħin quddiesa Tredentina (bil-Latin) fuq l-altar ta’ San Girgor il-Kbir. Esperjenza oħra kienet meta ġie Fr Michael Curmi iqaddes quddiesa bil-Malti fuq l-altar ta’ San Girgor. Aħna l-erba’ Għawdxin tajna sehem lkoll f’din il-quddiesa. Kelli x-xorti wkoll li ngħin quddiesa mac-Ċeremonier tal-Papa Ġwanni Pawlu II fuq l-altar Pollakk, fil-Kripta.

Kont nitbissem meta ngħaddi min ħdejn is-Swiss Guards fejn ix-xatba tal-Bażilika u dawn kienu jidrittaw u jsellmu b’idhom qisni xi ras kbira!

Għalkemm nhar Santa Marija kont mbiegħed mill-paroċċa tieghi, il-pontifikal solenni , msebbaħ mil-kant Gregorjan huwa uniku tassew. U xi ngħidu għal-Laudi u l-Għasar! Dak in-nhar, fil-Bażilika ma kienx hemm fejn taqa’ labra.

Nhar Santa Marija, wara l-Pontifikal kellna sorpriza sabiħa, aħna l-abbatini Għawdxin għaliex cemplilna l-Eċċellenza tiegħu Mons Mario Grech u kellem lilna l-erba’ privatament. Apprezzajna ħafna għaliex nafu kemm L-isqof tagħna jkun mħabbat speċjalment nhar Santa Marija.

Matul dawn il-ħmistax, morna nżuru diversi postijiet storiċi bħal Foro Romano, l-Kolossew, Tivoli, z-Zoo, San Paolo Fuori le Mure u San Giovanni Laterano. Dun Frans ħaseb ukoll sabiex ngħamlu xi attivitajiet li nieħdu gost bihom bħal futbol, volleyball, żjara fil-ġonna tal-Vatikan, u ċikliżmu f’Villa Borghese.

Morna wkoll għal udjenza tal-Papa fil-Castel Gandolfo fejn il-Papa sellmilna bħala ‘I chiericetti da Malta’. Ftit wara niżel ikellimna Mons Fr Alfred Xuereb, is-segretarju tal-Papa.

Il-ħmistax-il ġurnata taru, però l-memorji jibqgħu mnaqxin f’qalbi għaliex naf li din hija esperjenza unika fejn f’dawn il-jiem għamilt ħafna ħbieb ġodda. Is-servizz li ilni ngħati bħala abbati fil-paroċċa tiegħi tal-Katidral għinni biex din il-qagħda tiegħi ġewwa l-Vatican tkun faċli ħafna u bla xkiel ta’ xejn. Dan huwa frott tas-superjuri tagħna l-abbatini li b’dedikazzjoni u paċenzja jħarguna kuljum biex is-servizz tagħna jkun tassew eżemplari u kif jixraq ġewwa l-maqdes Tiegħu.