L-Esperjenza tal-Pellegrinaġġ Djoċesan Ġewwa Fatima PDF Print E-mail
Aħbarijiet
Written by Dun Franġisk Saliba   
Monday, 14 September 2009 15:30

Il-25 t’Awwissu għalija u għal sħabi tal-vjaġġ kienet esperjenza ma tixbaħ xejn lil dik tas-soltu għax f’dan il-jum ħallejna lil Għawdex u tlaqna lejn Malta. Il-ħin kien qrib is-6:00pm xhin il-vapur ħalla x-xatt u bdejna l-ewwel parti tal-vjaġġ tagħna lejn Malta.

Wasalna l-Marfa u sibna x-xarabank tistenniena li f’affari ta’ siegħa waslitna l-airport ta’ Ħal Luqa. B’kollox konna 141 persuna, 71 Għawdxin u 70 Maltin. Aħna tal-parroċċa tal-Katidral konna flimkien mal-Arċipriet 15-il persuna. Hija ħaġa naturali, ngħid għalija, li sa kemm wieħed, jitla fuq l-vapur tħossok donnok għadek ma ħlistx minn dik ir-rabta ma pajjiżek. Xhin wasalna l-airport kienu għadu d-dawl tax-xemx u għamilna hemm xi sagħtejn. Ħallejna Malta għal madwar d-9:00pm. It-titjira damet madwar sagħtejn u nofs, jiġifieri wasalna l-Portugal wara nofs il-lejl. Sa ma ħadna xi ħaġa zgħira tal-ikel fil-lukanda u dħalna norqdu saru s-2:00am.

Sebaħ l-Erbgħa u bdejna l-ġranet ta’ dan il-pellegrinaġġ Marjan Djoċesan immexxi mill-Isqof tagħna l-Eċċ Mons Isqof Mario Grech. Il-ġurnata tal-Erbgħa morna nqaddsu fil-Kappella tad-dehriet u naturalment appena tidħol ġol-pjazza, tħossuk dieħel f’ambjent mhux tas-soltu, ambjent li fih tħoss il-preżenza tal-Madonna. Naturalment ta’ kuljum il-quddiesa konċelebrata kienet tkun immexxija mill-Eċċellenza Tiegħu Mons Mario Grech li wara l-Vanġelu kien jagħmel kelmtejn taċ-ċirkustanza li tkompli ddaħħlek fl-ambjent qaddis. Li jimpressjonak hu l-konkorenza tan-nies, speċjalment fil-ġurnata tas-Sibt filgħaxija għax il-pjazza li hi kbira ħafna timtela bin-nies li jieħdu parti attiva fil-purċissjoni kwazi kulħadd bix-xema f’idejh, tassew spettaklu ta’ fidi u devozzjoni kbira lejn il-Madonna. Persuni ta’ kull eta, u naturalment minn nazzjonalitajiet diversi, lkoll miġbura flimkien, wieħed tassew iħoss dak is-sena ta’ fraternità. Wieħed tassew jara l-id t’Alla li tmexxi avveniment ta’ din il-kwalità; biex tagħmel esperjenza tagħha wieħed irid jmur Fatima.

Esperjenza oħra li nibqa’ impressjonat biha hija l-Via Sagra, u fil-kas tagħna kellna lil Mons Isqof jagħmel meditazzjoni qasira fuq kull stazzjoni. Anke il-fatt li rajna anzi mxejna fuq il-post fejn l-anġlu, hekk imsejjaħ tal-paċi deher lit-tlett itfal, dawn huma kollha esperjenzi li ma tinsihom qatt. Dan il-pellegrinaġġ marjan spiċċajnieh billi nġbarna fi knisja tal-patrijiet Franġiskani u miġbura flimkien mal-Isqof tagħna għedna r-rużarju meditat quddiem Ġesù Sagramentat. Dan offrejnieh b’mod speċjali b’suffraġju ta’ Fr. Joshua Muscat, kif ukoll għas-saċerdoti mejtin kollha.

Biex nikkonkludi, ngħid li għalija personali kienet esperjenza li nipprova nzommha dejjem ħajja f’moħħi u nispera li l-istess ħaġa jagħmlu dawk kollha li kienu miegħi għal din il-ġimgħa ta’ talb. Li tqaddes u tieħu sehem fil-funzjonijiet fil-post fejn dehret il-Madonna hija esperjenza li jaqbel ħafna li wieħed jipprova jżommha dejjem ħajja fi ħsibijietu, u hekk jgħix dejjem taħt l-protezzjoni tal-Madonna billi jgħix ħajja ta’ fedeltà lejn binha Ġesù.