| L-Għid ta' l-Assunta |
|
|
|
| Aħbarijiet |
| Written by Uffiċċju Parrokkjali |
| Sunday, 16 August 2009 00:16 |
|
Il-ġurnata tal-Għid tal-Assunta ġġib magħha ħafna xogħol kif ukoll mijiet ta’ eluf ta’ nies li jzur dan il-Maqdes Ewlieni tal-Gzira sabiex jiċċelebraw l-Ewkaristija u jsellmu lil Ommna tas-Sema fil-Katidral tagħha. Il-quddies fil-Katidral beda mill-4:15am u baqa’ sejjer sas-1:00pm. Nistgħu ngħidu li għal kull quddiesa l-Katidral kien ippakkjat bin-nies, anke għal Pontifikal il-Katidral kien mimli bin-nies sabiex jisimgħu l-Kelma tar-Ragħaj Spiritwali tagħna l-Eċċellenża Tiegħu Mons Isqof Mario Grech bis-sehem tal-Kapitlu Katidrali, l-Presbiterju Parrokkjali l-Patrijiet tal-Ordnijiet Reliġjużi. Waqt din il-quddiesa ġiet esegwita l-quddiesa Missa in Solemnitate Sanctaw Mariae Assumptae u Magnificat ta’ Joseph Sammut. Fit-tmiem il-Pontifikal Mons. Isqof ta Ġieħ il-Parroċċa lil Salvu Debrincat għal ħidma tiegħu tul dawn l-aħħar 41 sena fl-organizzazjoni tal-purċissjoni ta’ Santa Marija. U wara Mons Arċipriet irregala kwadru tal-pittura tal-Titular tal-Knisja Katidrali fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-Ordinazzjoni Saċerdotali tiegħu. Mons Isqof irringrazzja lil Mons Arċipriet tar-rigal li huwa ta f’isem il-komunità parrokkjali tal-katidral u wara l-istess Mons Isqof għamel għotja b’risq l-ispejjes tar-Restawr tal-faċċata tal-Katidral. Fit-tmiem il-pontifikal l-Eċċellenza Tiegħu ta l-Barka bir-Rebħ tal-Indulgenza Plennarja lil dawk kollha preżenti. Wara l-pontifikal l-mistednin distinti flimkien mal-Kapitlu u Mons Isqof kienu mistiedna għar-reċiviment fl-Awla Kapitulari. Fil-5:00pm L-Arċipriet tal-Bażilika ta’ San Ġorġ Mons Pawlu Cardona mexxa l-aħħar quddiesa ta’ Jum l-Assunta qabel il-kant tat-Tieni Għasar. Fis-6.00pm Il-Vigarju Ġenerali u Arċidjaknu tal-Katidral Mons Giovanni Bosco Gauci mexxa t-Tieni Għasar bis-sehem tal-Kapitlu Katidrali. Il-mużika kienet f’idejn il-Maestro di Cappella Colin Attard. Għal ħabta tas-7:00pm l-Istatwa devota u artistika ta’ Santa Marija xirfet fil-bieb tal-Maqdes ewlieni tal-Katidral t’Għawdex sabiex tibda ddur mat-triqat tal-Belt tagħna fejn hija tbierek lil familji Għawdxin kollha iżda b’mod speċjali lil dawk il-parruċċani li jinsabu fi djar tagħhom minħabba l-mard, u fuq kollox il-Madonna tbierek ukoll lil ħutna l-Maltin li kienu magħna għal din il-festa għażiża ta’ nofs Awwissu. Mal-ħruġ tal-istatwa l-Banda Leone esegwit l-Innu immortali Per la Festa Di Maria Assunta un Cielo, (1913) tas-Surmast Orlando Crescimano bis-sehem tal-Chorus Ecclesiae Cathedralis, il-Cathedral Youth Choir, it-Tenur Charles Vincenti u l-Baritonu Alfred Camilleri. Għal ħabta tal-10:45pm l-istatwa ta’ Santa Marija reġgħet lura lejn il-Katidral tagħha fejn il-poplu Malti u Għawdxi taw l-aħħar tislima permezz tal-kant ta’ innijiet marjani li kienu akkumpanjati mill-Banda Ċittadina Leone. Il-Vampa Organisation sellmet lil Santa Marija b’spettaklu pirotekniku mill-isbaħ min fuq il-muntanja ta’ Gelmus. Qabel ma ddaħlet lura fil-Knisja Katidrali l-Eċċellenza Tiegħu Mons Mario Grech mexxa l-Barka Sagramentali fejn Ġesu Ewkaristija bierek lil dawk kollha li ħonqu lil Pjazza ewlenija tal-Katidral. Hawnhekk il-pjazza inbiddlet f’Santwarju ta’ talb fejn il-poplu preżenti setgħet tgħix mument qawwi ta’ spiritwalità f’atmosfera ta’ skiet u ġabra. Fi tmiem Mons Arċipriet irringrazzja lil dawk kollha li taw s-sehem tagħhom sabiex din il-manifestazzjoni setgħet tilħaq is-suċċess mixtieq, u wara l-istatwa reġgħet ddaħlet lura fil-Katidral bl-għajnuna tal-membri tal-Organizzazjoni Vampa li hija nkarigata mill-ħruq kollha tan-nar matul il-jiem ta’ Santa Marija. B’hekk tajna ħarsa lejn dak kollu li ġara matul dawn il-jiem tal-festi ad unur ta’ Ommna Santa Marija. Minn qalbna nirringrazzjaw lil dawk kollha li taw s-sehem tagħhom sabiex il-festa ta’ din is-sena setgħet tilħaq is-suċċess tant mixtieq mill-parruċċani tagħna tal-Katidral. Grazzi mill-qalb u nagħmlu appuntament għas-sena li ġejja 2010.
|





