|
Mill-pinna ta' l-Arċipriet
|
|
Written by Arċipriet
|
|
Tuesday, 25 August 2009 14:45 |
|
Għeżież parruċċani,
Nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet personali li jiena għamilt fuq iż-żmien tal-festa. Ħafna jgħidu, u jidher li kellna festa sabiħa.
Anke jiena naħseb l-istess ħaġa, u r-riflessjoni tiegħi nistgħa naqsamha fuq tlett punti:
- Kien sabiħ is-sens ta’ kollaborazzjoni li nħoloq waqt it-tfassil tal-programm tal-festa u anke waqt l-isvolġiment tagħha. Il-kollaborazzjoni kienet tinħass bejn dawk il-gruppi u entitajiet tal-parroċċa flimkien ma dawk l-entitajiet tas-Soċjetà Filarmonika Leone. Ilkoll flimkien ippruvajna niġbdu “ħabel wieħed” u ħadd ma qagħad iżomm il-punta tiegħu jew m’aċċettax il-proposti ppreżentati waqt id-diskussjoni. Dan ta’ min japprezzah.
- Kellna mumenti sinifikattivi u ta’ ċerta qawwa ta’ spiritwalità “nirriferi għal Velja ta’ Talb u Tifħir f’ġieħ Santa Marija u d-Dhul hekk solenni tal-purċissjoni ta’ nhar Santa Marija.” Dan kollu mingħajr ma nħallu barra mumenti sbieħ u parteċipati fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kemm fl-Erbgħat ta’ Santa Marija u aktar matul il-Kwindiċina u akbar waqt it-Tridu. Fuq dan l-aspett hemm bżonn li nagħtu aktar importanza bħala tħejjija għal festa tagħna.
- Jidħirli li ntwera b’mod qawwi il-ġenerożita tal-parruċċani kollha mhux biss lejn il-parroċċa għal festi interni iżda ukoll ta min jinnota dawk il-donazzjonijiet kollha li ngħataw lil entitajiet li jorganizzaw il-festi esterni. Ta dan kollu minn qalbi ngħid grazzi lil kulħadd.
J’alla l-parteċipazzjoni tagħna spiritwali u soċjali tkun imbierka minn Santa Marija.
Mons. Arċipriet |