Il-Mixja tar-Randan PDF Print E-mail
Mill-pinna ta' l-Arċipriet
Written by Arċipriet   
Wednesday, 17 February 2010 16:21

Għeżież Parruċċani u ħbieb,

Il-ħajja ta’ kull bniedem hija mibnija b’ħaġa wara oħra, ġurnata wara oħra, għażla fuq għażla oħra, u nistgħu nkomplu hekk sal-infinit. Però dak kollu li jgħodd u li jiswa, huwa li l-bniedem isib is-sens ta’ kull ħaġa, ta’ kull għażla u ta’ kull mument. Aħna l-insara għandna vantaġġ fuq oħrajn għax il-Fidi tagħna hija mibnija fuq Ġesù Kristu, Rebbieħ fuq kull ħażen, dnub u mewt.

Fiż-żmien tar-randan il-Knisja, bħala Omm u Imgħallma, tistedinna biex inħejju lilna nfusna sabiex fil-Lejl Qaddis tal-Għid, li hija l-Velja tal-Għid, u kif isejħilha Sant’ Wistin, il-Velja tal-Velji, nerġgħu nġeddu b’responsabiltà nisranija l-Wegħdiet tal-Magħmudija tagħna. Ir-randan huwa żmien ta’ Grazzja moghti minn Alla lil dawk kollha li b’qalb umli jixtiequ jgħixu b’manjiera aktar serja l-ħajja nisranija. Dan jikkonsisti konkretament b’mod sempliċi u effettiv, f’dak li aħna nsejħulu bidla fil-qalb.

Il-komunità nisranija hija mħeġġa biex fil-bidla tal-qalb ikun hemm enfasi fuq ir-ritorn lura lejn Ġesù Kristu u l-Kelma Tiegħu, sabiex fil-ħajja konkreta ta’ kuljum in-nisrani jkun ’il bogħod minn dawk il-ħwejjeġ li jifirduh minn Alla, (id-dnub u kull ħażen ieħor) u jkun aktar qrib il-ħwejjeġ li jgħaqqduh Miegħu (ġesti ta’ tjubija u mħabba). Għalhekk ir-Randan huwa mixja ta’ konverżjoni tal-qalb l-ewwel, u t-tieni huwa esperjenza ta’ akbar imħabba lejn il-proxxmu, b’atti ta’ karità, solidarjetà, eċċ.

Tajjeb għalhekk li f’dan iż-żmien tar-randan ikollna ċerti dispożizzjonijiet fil-qalb speċjalment meta niċċelebraw is-sagramenti, b’mod partikulari l-Quddiesa tal-Ħadd:

  • Nissieħbu ma’ Ġesù fil-mixja tiegħu fid-deżert, biex kif huwa rebaħ il-qawwiet tal-ħażen bit-talb u l-penitenza, hekk ukoll aħna nkunu nistgħu nirbħu t-tentazzjonijiet ta’ kull ħażen li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum
  • Ngħixu d-dmirijiet tal-ħajja ġdida li rċivejna fil-magħmudija bil-qawwa tal-grazzja t’Alla, li l-Knisja, bħala Omm tgħinna ngħixu aktar bħal aħwa, fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna, speċjalment ma’ dawk ta’ madwarna fil-familja, fuq ix-xogħol, mal-ħbieb, fil-komunità Parrokkjali, eċċ…. u bħala Imgħallma (Għalliema) tgħinna nifhmu u nagħrfu l-għerf tal-Kelma Tiegħu - (bibbja, katekeżi, predikazzjoni, eċċ
  • It-talb tagħna ta’ kuljum ngħixuh b’aktar konċentrazzjoni li ddaħħalna f’rapport aktar sinċier mal-Mulej ħalli nkunu dejjem konxji tal-preżenza Tieghu f’kull ħin u f’kull sitwazzjoni ta’ ħajjitna. It-talba tal-Via Sagra u oħrajn marbutin mal-Passjoni ta’ Kristu, li soltu nagħmlu matul dan iż-żmien, għandhom jorbtuna b’mod aktar qawwi mal-Misteru ta’ Kristu.
  • Il-penitenza, sawn u sagrifiċċji oħra jservu biex il-qalb tagħna tkun aktar disponibbli għal dak kollu li l-Mulej jixtieq minna.

Insegwu l-programm tal-mixja tar-Randan li l-Parroċċa ħejjiet għal dan iż-żmien. Ħadd mill-parruċċani m’għandu jonqos li jattendi għall-eżerċizzji spiritwali ta’ dan ir-randan.

Jalla dan iż-żmien sabiħ tar-randan iħalli frott spiritwali f’kull membru tal-Komunità Parrokkjali tagħna. Jekk nikbru spiritwalment, inkunu aktar soċjevoli ma’ dawk ta’ madwarna!

Il-Bambin iberikna lkoll.

Il-paċi magħkom.

Mons. Arċipriet