site_logo_2

 

 

 

sitemap • copyright • privacy policy •disclaimer • design

Dawk li jdoqqu l-Qniepen minn fuq, maltemp u bnazzi

Għaddiet sena oħra ta’ tlugħ u nżul, ta’ ħidma u inizjattiva, ta’ storja li ma tagħmilx għajb lis-snin imgħoddija. Ikun fieragħ għalina jekk aħna nqisu lil Santa Marija u l-Katidral tagħha bħal kapitlu fi ktieb li wara li jgħaddi ħinu jintesa fil-memorja tal-qarrej. Għalhekk huwa fattur fundamentali għalina l-insara ta’ din il-parroċċa li nużaw dawn iċ-ċelebrazzjonijiet festivi bħala mezz ta’ tisħiħ tal-valuri nsara li jsostnuna u jsaħħuna.

L-Għaqda tagħna nista’ nxebbahha ma’ dik id-dgħajsa li tofroq kull baħar u tegħleb kull mewġa. Mingħajr taħbit, il-bniedem ma jissaħħaħx u għalhekk is-sitwazzjonijiet diffiċli juru l-veru sajjieda li jkomplu jaqdfu ’il quddiem b’determinazzjoni u kuraġġ. Il-qawsalla mlewna li tfeġġ u tisboq is-sema mudlam għandha tkun bħal id li tiggwidana f’kull diffikultà. Dan il-kliem japplika partikularment mhux biss għall-għaqda tagħna li tħaddan il-valuri tal-ħbiberija u d-dedikazzjoni, imma għal dawk kollha li jfittxu l-ġid tal-proxxmu u tal-komunità li jgħixu fiha.

B’wiċċna minn quddiem għandi s-sodisfazzjon ngħid li l-Għaqda kompliet tissaħħaħ b’membri ‘veterani’ u b’oħrajn ġodda li lkoll għandhom l-interess li jpprovu u jsaħħu lill-parroċċa. L-Għaqda titlob impenn u sagrifiċċju. Id-daqq solenni tal-qniepen kollha jsir mill-quċċata tal-kampnar kemm fil-maltemp kemm fil-bnazzi. Il-qniepen qegħdin hemm mhux biss għall-estetika, iżda wkoll għas-servizz kontinwu li jitolbu ċ-ċelebrazzjonijiet fil-Katidral tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Mhux l-iskop tiegħi li napplawdi jew infaħħar ix-xogħol li nagħmlu aħna tal-Għaqda Qniepen Assunzjonisti, imma nixtieq li jisaħħaħ l-apprezzament lejn dan il-grupp ta’ voluntiera dedikati li jħallu impenji oħra biex jagħtu s-servizz tagħhom fil-kampnar maestuż tal-Katidral ta’ Santa Marija Assunta.

Id-daqq tal-qniepen huwa wieħed mill-fatturi importanti fil-karattru tal-festa tagħna li flimkien mal-elementi l-oħra jwassluna iktar lejn Ommna Marija Santissima Mtellgħa s-Sema bir-ruħ u l-ġisem.

Nawgura li nkunu kapaċi nixbhu lil Marija fl-umiltà u l-ubbidjenza tagħha. Inħalluha ssaħħaħ u ġġedded l-għaqda ta’ bejnietna u d-determinazzjoni biex negħlbu kull tfixkil.