Zgħazagh/Youth Group
Dibattitu b’Differenza – It-Tieni Tappa
L-eżorċiżmu jew id-dqiq, id-dqiq jew l-eżorċiżmu biex ħa nibda tgħid? Eh bilħaqq sekonda hemm it-tisjir ukoll....tgħid nibda nirrakkonta dwar il-professjonalità li biha ġie ppreparat l-ikel? U le ħa nagħmlu hekk ħa nibda mil-laqgħa mmexxija mil-eżorċista Fr Franco Fenech, il-prijorità ta’ dan is-sleepover. Iltqajna fit-tmienja ta’ filgħaxija kif skedat ġewwa wieħed mill-appartamenti tal-kurja. It-tekniku tagħna (Joseph Bonnici) prepara l-laptop u l-projector biex mal-wasla ta’ Fr. Franco tajna bidu għal din il-laqgħa li kienet verament interessanti. Fr. Franco beda l-laqgħa tiegħu magħna permezz tal-wiri ta’ powerpoint li serviet biex tispjega diversi mill-punti bażiċi tal-eżorċiżmu li ħafna drabi ikollna stampa sfokata tagħhom. Infatti l-iskop prinċipali tal-laqgħa kien li niċċaraw ċerti ideat fuq dan is-suġġett li ħafna drabi jiġi preżentati lilna minn perspettivi differenti li kważi kważi qatt ma iwassluk għal verità dwar is-suġġett. Għalhekk meta ikollok sors dirett, bħall-eżorċista u kappillan tal-ħabs Fr. Franco ċertament li l-verità dwar is-suġġett tal-eżorċiżmu sejra toħroġ kollha kemm hi mingħajr ebda skop biex timpressjona jew biex iżżid it-telespettaturi ta’ xi programm partikolari. L-aktar punt fundamentali li ħareġ minn din il-laqgħa huwa li s-sataniżmu hija problema li għadha magħna llum u l-aħjar mod biex naffrontawha hija billi nsaqsu dwar is-suġġett ma’ nies kompetenti għax ħafna drabi min jisfa skjav tas-sataniżmu jkun ġie mqarraq dwar ir-realta’ kerha tas-sataniżmu. Hekk għall-għaxra u kwart wara laqgħa li kieku stajna komplejna għaddejjin biha, bdejna nsajru. Insomma mhux kulħadd beda isajjar, il-kbar , biex kemm jista’ jkun fil-kċina ma jkunx hemm taħwid u ġenn. Infatti fil-kċina kien hemm bejn wieħed u ieħor għaxra min-nies min ħiereġ u min dieħel min jgħid li aħjar tagħmel hekk biex iżżid it-togħma fiz-zalza u min jgħid li l-aħjar ħaġa hija li jżżomm bilanċ fit-togħma taz-zlazi. Il-capo chef kien Carl Scerri megħjun minn Paul Cassar li saħaq fuq l-aspett estetiku tal-platt u minn Mariliana Debrincat li tat is-suġġerimenti tagħha dwar il-ħolqien tal-platt. B’kollox sajjarna erba’ tipi ta’ għaġin u għal kull għaġin ħloqna zalza partikolari. L-effiċjenza tal-kċina dehret x’ħin fin-12.30 ta’ filgħodu bdejna nieklu. Il-problema prinċipali minħabba dan id-dewmien kollu kienet li l-borma damet biex “tiftaħ”, jew biex nifthiemu l-ilma ta’ ġol-borma minħabba l-kobor tagħha dam biex jagħli. Iżda minkejja dan kollu l-prodott finali ħareġ tajjeb ħafna, tant li kien hemm min awgura lic-chefs futur ġewwa l-kċina tal-hotel Hilton. Qabel ma nagħlaq tajjeb li ngħid li wara li kilna l-main course kellna ukoll id-deżerta li fi platt minnhom ġiet immodifikata għat-tisbiħ fit-togħma. Wara ovvjament kellna naħslu kollox u ntfajna bħal ċomba fuq is-saqqiet rispettivi tagħna. Iżda fil-ħamsa ta’ filgħodu erbgħa minna qomna biex nitolbu t-tifħir ta’ sbieħ il-jum......jew sekonda le naħseb qbadna ponn dqiq u tfajnieh għal wiċċ wieħed minn sħabna li fortunatament jaf jieħu ċajta. L-għada filgħodu qomna hekk għas-sebgħa u flimkien iċċelebrajna l-quddiesa li għalqet għalhekk taħt id-direzzjoni tal-Arċipriet Mons. Ġużepp Attard it-tieni tappa ta’ dan il-grupp żagħżugħ li qiegħed jiltaqa’ regolarment ġewwa l-Katidral. Francesco Grech N.B. Dan il-Grupp jiltaqa’ kull hmistax is-sibt filghaxija fit-8 gewwa l-Katidral. Min ikun irid jinghqad ma’ dan il-grupp merhba bih. |




