site_logo_2

 

 

 

sitemap • copyright • privacy policy •disclaimer • design

Live-in f’Malta – L-ewwel Tappa

Il-biċċa bdiet mill-facebook. Insomma bħar-rivoluzzjonijiet kollha reċenti. Għalkemm fuq skala kemmxejn iżgħar, grupp numeruż ta’ żgħażagħ, jien inkluż, iddeċieda iqatta’ tlitt ijiem Malta ġewwa hotel. Ovvjament il-koordinatur prinċipali kien Fr. Krystof Butiġieġ (li għadu kif qatta’ sentejn il-Katidral u ħadem ħafna magħna ż-żgħażagħ) megħjun minn Carl Scerri, Massimo Buttigieg u Deborah Portelli.

Inutli ngħid li dan il-live-in kien suċċess (kieku l-artiklu ma kienx jinkiteb) kemm mill-aspett koordinattiv, kif ukoll mill-fatt li kellna grupp ta’ żgħażagħ li iħaddan il-kwalità. Ċertament li ħafna minnkom qarrejja tinsabu għatxana għal xi anedottu li jista’ iqanqlilkom tbissima fuq fommkom. Tajjeb iżda, li qabel nirrakonta ftit dwar il-programm li “segwejna”. Mela ovvjament l-ewwel tappa ta’ dan il-live-in kienet tinvolvi l-vjaġġ ġewwa t-tunnel bejn Għawdex u Malta, ajma skużawni, permezz tal-Gozo Channel għax it-tunnel tlesta ġimgħa wara. Wasalna ġewwa il-hotel, ħallejna l-bagalji u morna nieklu għax konna qisna klieb imġewħa. Dħalna fl-ewwel restaurant li rajna ’il barra mill-hotel, kilna u kollox mexa ħarir. Wara għamilna ic-check-in (insomma min kien fadallu jagħmilha) u nżilna ngħumu għawma ġewwa l-pool tal-hotel. “U jaqq kemm hi sħuna”.....il-frażi li tlissnet minn kulħadd malli l-pala ta’ saqajna messet mal-ilma tal-pool. Wara ħafna krib, u wara li rkibna dawra fuq il-ferrovija tal-imaġinazzjoni żagħżugħa biex nippruvaw insibu r-raġuni il-għaliex il-pool kienet daqshekk sħuna (instabu diversi raġunijiet, iżda ma nistax naqsamhom magħkom minħabba ċ-ċensura), bdejna nilgħabu bil-ballun li kien sponsored minn Mariliana Debrincat.

Wara li xbajna, għajnejna marru mal-ewwel fuq l-islide li kien hemm. Wieħed minna, beda nieżel bil-lajma kollha din iż-żurżieqa li kellha diversi problemi rigward il-pressa tal-ilma. Infatti dan ma laħaqx dar il-kantuniera, li ma weħilx. X’għamel dan sieħbi? Insomma bħan-nies normali l-oħra, qabad qam bilwieqfa (allaħares żelaq) u beda miexi lura minn fejn beda, għax qal li din iż-żurżieqa bla sens. Wara l-pool kien imiss photo treasurehunt kreata minn Carl Scerri. Il-grupp inqasam fi tliet timijiet u kulħadd kellhu jieħu r-ritratti meħtieġa biex jirbaħ din il-kompetizzjoni.

L-għada filgħodu, wara l-breakfast tajniha għal Tigne Point, il-ġenna tal-art għal min iħobb jixtri u l-bokka tal-infern għal min jobgħod idur ġol-ħwienet. Kif tistgħu taħsbu ġol-grupp kellna miż-żewġ estremi. Wara li imlejna wkoll żaqqna, erġajna lura għal hotel, fejn nżilna ngħumu u din id-darba nfexxejna f’logħba volleyball. Grazzi għal din il-logħba ħarġu għal wiri bosta talenti promettenti mill-grupp tagħna. Tant hu hekk li fiż-żewġ logħbiet li kellna laqqatna żewġ tkaxkiriet. Wara ftit ħin ta’ mistrieħ iltqajna ġol-conference room tal-hotel biex niċċelebraw il-quddiesa u nitkellmu dwar kif dan il-grupp seta’ ikompli jiltaqa’ wara l-live-in. B’hekk il-live-in ma serviex biss bħala mezz ta’ mistrieħ iżda wkoll bħala l-ewwel pass għal grupp żagħżugħ ġdid li sejjer jopera ġewwa l-Knisja Katidrali.

Wara din il-laqgħa sibna ruħna ġewwa baystreet fejn il-maġġoranza għażlu li jaraw film. Hekk għal ħabta tal-ħdax u nofs tlaqna lura il-hotel biex b’hekk ngawdu l-aħħar lejl fis-skiet ta’ kamritna. Iżda bħas-soltu mhux kulħadd kien bin-ngħas u għalhekk min spiċċa tiela’ u nieżel ġol-lifts, min spiċċa jilgħab il-monopoly sat-tlieta ta’ filgħodu, min qabeż qabża minn fuq il-fridge ta’ kamartu u tajjar difru mal-fan u min miskin spiċċa tabib. Wara lejl ta’ taqlib, ħafna minna qomna qisna rajna fatat. Għall-aħħar nofstanhar inqsamna f’żewġ gruppi: min tela’ sal-Belt u min qagħad imxaħxaħ ġol-pool. Wara li qsamna kejk lil Fr. Krystof u tajnieh frame bir-ritratt tal-grupp bħala rikordju, tlaqna lura lejn Għawdex.

Fuq nota personali, nispera li dan il-grupp fil-laqgħat futuri li fihom sejjer jiltaqa’ biex jiddiskuti temi jaħarqu, juri l-istess ħeġġa li wera matul il-live-in. B’hekk il-live-in ikun serva bħala l-ewwel tappa minn mixja kontinwa li dan il-grupp sejjer jagħmel taħt id-direzzjoni tal-Arċipriet Mons. Ġużeppi Attard.

Francesco Grech