Knisja Katidrali ta' Għawdex
Festa Santa Marija 2010 PDF Print E-mail
Mill-pinna ta' l-Arċipriet
Written by Uffiċċju Parrokkjali   
Wednesday, 11 August 2010 15:44

Għall-Komunità Parrokkjali tagħna, il-Komunità tal-Katidral, hija ħaġa ovvja u naturali li għandna lkoll ikollna devozzjoni u mħabba speċjali lejn Santa Marija. Hija ħaġa naturali li aħna bħala bnedmin u ulied, għandna nkunu konxji li Ommna għalina hija l-aqwa don li għandna.

Id-devozzjoni lejn il-Madonna tant hija ta’ valur kbir, li xi ħadd jista’ jaħseb li hija fanatiżmu reliġjuż, jew għall-kuntrarju għadda żmienha u jista’ jiġri wkoll li ħafna drabi ma napprezzawx biżżejjed din il-grazzja hekk prezzjuża!

Naħsbu ftit kieku fil-ħajja tagħna ġiet nieqsa l-esperjenza, ir-relazzjoni ma’ dik il-mara li hija ommna, il-ħajja tagħna kienet tkun l-istess? Tista’ timmaġina l-ħajja tiegħek mingħajr ommok? Mingħajr dik il-mara li tagħtek il-ħajja, li ħabbitek, għenitek fl-għażliet tiegħek, kienet ma’ ġenbek waqt it-tbatija u d-dwejjaq, qasmet miegħek il-ferħ, eċċ?

“Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”

Kemm hija ħaġa sabiħa li tara, tagħraf u ssemmi t-tajjeb ta’ dak jew ta’ dawk li jgħixu madwarek! Jekk wieħed ikun pożittiv fil-ħajja, żgur li jgħix seren u kuntent, anke quddiem it-tbatija li l-ħajja umana dejjem tippreżentalna! Hekk trid tgħidilna Santa Marija, il-Patruna tagħna bl-ewwel kelma tal-kantiku tagħha, il-“Magnificat” : “Ruħi tfaħħar il-Kobor tal-Mulej”.

Dan il-vers huwa t-tema tal-festa ta’ din is-sena, għaliex nemmen li Alla l-Imbierek tana ħafna doni sbieħ, u mhux dejjem aħna kapaċi li niggustaw u napprezzaw DAK kollu li għandna jew li rċivejna minn għand il-Mulej!

 

  • Kemm minna nfaħħru lill-Mulej tal-ħajja u tal-fidi nisranija li llum inħaddnu?
  • Kemm minna nirringrazzjaw lill-Mulej Alla u naraw is-sabiħ li għandna fina nfusna u f’dak ta’ madwarna?
  • Kemm għandna għax nifirħu li aħna għandna lil Santa Marija bħala Patruna tal-Komunità Parrokkjali tagħna!

 

Nawgura lill-parruċċani kollha biex fi żmien il-festa meta ngħajtu "Viva Santa Marija!" il-qlub tagħna jkunu mimlija b’dak il-ferħ spiritwali li jwassalna biex naraw dejjem is-sabiħ li jeżisti madwarna u nkomplu nkabbru dik l-għaqda u l-imħabba li Ommna Santa Marija tixtieq minna.

Il-paċi magħkom.

Mons. Arċipriet