il-Librerija tal-Katidral AD 1979
Il-Librerija Pubblika tal-Katidral bdiet fl-aħħar kwart tas-seklu għoxrin, meta l-arċidjaknu tal-Katidral, Mons. Pawlu Cauchi (1896-1980) offra bħala donazzjoni l-kotba kollha li kellu lill-Knisja Katidrali ta’ Għawdex. In-numru ta’ dawn il-kotba kien kbir, ’l fuq minn tliet elef, barra numru kbir ta’ rivisti, ġurnali, u memorabila oħra li illum saru materjal arkivjali. Nistgħu ngħidu li din l-għotja ta’ Dun Pawl kienet il-bidu, kienet iż-żerriegħa li minnha nibtet il-Librerija Pubblika tal-Katidral.
1 • Il-ftuħ
It-tieni fazi fl-iżvilupp ta’ din il-librerija seħħ fis-sena 1979. Il-Wisq Reverendu Tony Mercieca, saċerdot li kien jaqdi l-missjoni pastorali tiegħu fil-belt ta’ Miami ġewwa Florida fl-Istati Uniti ta’ l-Amerika, inserta ġie Għawdex għall-vakanza ta’ xahar. Meta kien qed idur fl-annex tal-Katidral, preċiżament fil-lokal fejn sal-lum għadu jissejjaħ “id-Dar ta’ Patri Alan”, u ra dawk il-kaxxi ta’ kotba li Dun Pawl kien ta lill-Katidral, hemmhekk u dak il-ħin stess, ġietu ideja stupenda. li jibda jibgħat ħafna kotba mill-Istati Uniti ta’ l-Amerika biex jiżdiedu ma’ dawk li diġa kien hemm u tiġi ffurmata librerija parrokkjali.
Father Tony, qalilna wara, li mhux biss l-għotja ta Dun Pawl li ħajritu jgħin fl-iżvilupp ta’ din il-librerija, imma ukoll dik ir-riżoluzzjoni li kienet ittieħdet fis-sena 1975 fl-aħħar laqgħa tal-Kungress Pastorali t’Għawdex li kienet tgħid hekkĠ
F’kull parroċċa ta’ Għawdex għandha tiġi stabbilita librerija parrokkjali li tinkludi fiha numru mdaqqas ta’ kotba nteressanti kif ukoll publikazzjonijiet oħra li permezz tal-qari tagħhom il-parruċċani, speċjalmemt iż-żgħażagħ, jkunu jistgħu jkattru l-kultura tagħhom.”
2 • Il-Librerija fiċ-Ċentru
Mill-1979 sal lum, il-Librerija tal-Katidral għaddiet minn numru ta’ fażijiet u sitwazzjonijiet ta’ żvilupp li wassluha biex tkun fl-istat ta’ kobor u effettività li għandha llum. Il-Librerija kienet qed tikber minn xahar għall-ieħor. Ġiet allokata kamra kbira fiċ-Ċentru Parrokkjali tal-Katidral fi Triq l-Arċipriet Saverju Cassar, tefgħa ta’ ġebla ‘l bogħod mill-Pjazza tat-Tokk (illum Pjazza Indipendenza) fil-Belt Vittorja biex il-kotba jiġu esposti fuq numru konsiderevoli ta’ xkaffi.
Bdew jagħmlu użu minn din il-librerija mhux biss il-parruċċani tal-Katidral imma nies minn kull parroċċa oħra t’Għawdex. Bosta studenti ta’ l-iskejjel sekondarji, tas-Seminarju u anke ta’ l-Universita bdew jagħmlu użu mis-servizzi li tagħti l-Librerija. Fil-Librerija kienu jsibu materjal biex jaħdmu proġetti, assignments, u anke teżijiet. Il-kumitat li jieħu hsieb il-librerija ħass il-bżonn li jagħmel żewġ ħwejjeġĠ (1) li jżid kmamar oħra ma’ li kien hemm biex tiġi estiża l-librerija, (2) li jbiddel l-isem tal-librerija u flok Librerija Parrokkjali tal-Katidral issir Librerija Pubblika tal-Katidral. Għaldaqstant, fis-7 ta’ Gunju 1987, l-Eċċ. Tiegħu l-Isqof Mons Nikol Ġ Cauchi inawgura sala kbira oħra li ġiet attrezzata b’numru kbir ta’ xkaffi. Hekk, il-Librerija setgħet tkompli tilqa’ fiha l-kotba li dejjem baqgħu jiżdiedu. Din il-kamra kienu jgħidulha “is-Sala tal-Kunċerti” għaliex fiha kienu jsiru l-kunċerti tal-Banda Filarmonika “Leone” meta ċ-Ċentru Parrokkjali kien għadu l-każin u s-Cinema tas-Soċjeta` Leone.
Kif għedna qabel, il-benefattur ewlieni tal-Librerija Pubblika tal-Katidral, sas-sena 2000, kien Fr. Tony Mercieca. Mill-Istati Uniti huwa bagħat eluf u eluf ta’ kotba u rivisti fuq kull suġġett immaġinabbli. Kien jibgħat ukoll sound cassettes, video cassettes, diski u diskettes, visual aids u memorabilia oħra. Naħseb li ma nkunx qed niżbalja jekk ngħid li sa l-aħħar tas-seklu għoxrin, Fr. Tony kien bagħtilna mas-70% tal-kotba kollha li kellna fil-Librerija. Konna spiċċajna s-seklu b’103,000 ktieb.
Niftakar, meta beda jiffunzjona f’Għawdex il-Gozo Centre ta’ l-Universita’ ta’ Malta konna bagħtna messaġġ urġenti lil Fr Tony biex jikkonċentra l-iżjed fuq kotba akkademiċi ta’ livell terzjarju. Fr Tony laqa’ t-talba tagħna b’mod iżjed milli stennejna. Bdew jaslu mill-Amerika aktar kotba tal-filosofija, soċjoloġija, psikoloġija, kotba dwar l-edukazzjoni, u t-teknoloġija ta’ l-informatika.
Naturalment, billi l-Librerija tal-Katidral kienet (u għadha) librerija tal-Knisja, l-enfasi dejjem kien fuq kotba u materjal reliġjużĠ teoloġija, spiritwalita’, Sagra Skrittura, Storja tal-Knisja, u ħajjiet tal-qaddisin. Matul is-snin, Fr Tony bagħat ukoll numru mdaqqas ta’ enċiklopediji (aktar minn għaxra), fosthomĠ l-Encyclopedia Britannica, il-World Book Encyclopedia, il-Catholic Encyclopedia, l-American Encyclopedia, u oħrajn.
3 • Il-Librerija f’binja apposta
Il-Librerija tal-Katidral baqgħet tiffunzjona fiċ-ċentru tal-Victoria sas-sena 1999. Il-Kumitat li jmexxi din il-Librerija, taħt il-presidenza ta’ Mons Joe Vella-Gauci, l-arċipriet tal-parroċċa tal-Katidral, kienu persważi li l-Librerija ma setgħetx tibqa’ fejn hi, mhux biss minħabba l-limitazzjoni ta’ l-ispazju imma wkoll minħabba n-nuqqas ta’ facilita` tal-parking tal-karozzi ta’ dawk li jiġu mill-irħula biex jinqdew bis-servizzi tal-Librerija.
Għaldaqstant, fis-sena 1998, il-parroċċa tal-Katidral, ovvjament bl- approvazzjoni u l-għajnuna finanzjarja tar-Reverendissmu Kapitlu ta’ l-istess Katidral, xtrat lokal kbir fil-periferija tar-Rabat li b’kollox ġie jiswa ‘l fuq minn Lm70,000. Dan il-lokal jikkonsisti f’żewġ imħażen kbar li minn Triq Qasam San Ġorġ iwasslu sa Triq Kerċem. Dan il-lokal kien destinat biex ikun il-post il-ġdid tal-Librerija tal-Katidral.
Hawnhekk irrid insemmi żvilupp ieħor ta’ interess u ta’ vantaġġ kbir għal-Librerija. Fl-1997, l-iskola tal-bini ġewwa Għawdex għalqet u ma baqgħetx tiffunzjona. Il-Parroċċa tal-Katidral talbet lill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni kif ukoll lill-Ministeru ghal Ghawdex biex żewġ għalliema li kienu saru redundant jiġu trasferiti ħalli jaħdmu fil-Librerija Pubblika tal-Katidral. Dawn iż-żewġ ministeri laqgħu t-talba tal-parroċċa tal-Katidral. Għal dan il-ġest tabilħaqq siewi, jiena, f’isem il-kumitat li jmexxi l-Librerija kif ukoll f’isem dawk il-mijiet li jagħmlu uċu mil-Librerija, nesprimi il-ħajr tagħna liż-żewġ ministeri li ġentilment qed jirrikonoxxu s-servizz kbir li qed tagħti l-Librerija lill-poplu Għawdxi kollu bla ebda distinzjoni ta’ parroċċa jew klassi.
Biex il-materjal tal-Librerija tal-Katidral inġarr kollu miċ-ċentru tar-Rabat għal Triq Qasam San Ġorġ ħa sitt xhur sħaħ. Fix-xahar ta’ Awissu tas-sena 1999 il-Librerija kienet mill-gdid lesta biex taghti s-servizzi tagħha lill-klijenti tagħha. L-ispeaker tal-Parlament Malti, l-Onorevoli Anton Tabone, inawgura il-lokal il-ġdid u wara ġie imbierek mill-Vigarju Ġenerali Mons Giov Bosco Gauci li hu wkoll l-Arċidjaknu tal-Kapitlu tal-Katidral.
Matul dawn is-snin kollha, il-Librerija kellha l-kittieb ta’ dan l-artiklu bħala librar jaħdem full time fuq bażi ta’ volontarjat.
Matul dawn is-snin huwa dejjem kien mgħejjun minn staff ta’ mhux anqas minn għaxar persuni li fuq bażi volontarja ukoll jaqdu lill-pubbliku bħala book deliverers. F’xi żmenijiet fl-imgħoddi, il-Ministeru ghal Ghawdex kien ukoll jipprovdi numru ta studenti bħala summer workers biex jgħinu fix-xoghol tal-Librerija matul ix-xhur ta’ Lulju w Awissu.
Matul is-snin, il-Librerija Pubblika tal-Katidral organizzat numru kbir u varjat ta’ korsijiet edukattivi f’bosta suġġetti. Insemmu xi ftitĠ Ingliz, Taljan, Franċiż, Ġermaniż, Spanjol, korsijiet xjentifiċi u tekniċi bħal ma humaĠ fiżika, kimika, bjoloġija, radju u computer. Ma rridx ninsa nsemmi li għal bosta snin wara xulxin fil-premises tal-Librerija kienu jsiru korsijiet tar-reliġjon mhux biss għat-tfal li ser jersqu għall-Ewwel Tqarbina u l-Griżma, imma ukoll għall-istudenti kandidati għall-eżamijiet tar-reliġjon, livell ordinarju u livell avanzat.
4 • Mija u ħamsin elf ktieb
Fil-mument, il-Librerija tal-Katidral tippossiedi ‘l fuq minn 150,000 ktieb irreġistrati. Dan in-numru kbir ta’ kotba jagħmel lil Librerija tal-Katidral bħala l-akbar waħda fost il-25 libreriji Pubbliċi li għandna f’Għawdex. Kull ktieb li hemm fil-Librerija ġie mogħti minn xi benefattur jew benefattriċi. U l-kotba dejjem dieħlin! Fuq il-classification label li tiġi mwaħħla n-naħa ta’ ġewwa ta’ kull ktieb jkun hemm miktub l-isem u l-kunjom tad-donatur jew donatriċi.
Nistieden lil dawk kollha, Għawdxin u Maltin, li jixtiequ jżuruna biex matul din is-sena anniversarja ma jibqgħux lura li jaslu wasla sa Triq Qasam San Ġorġ u jaraw b’għajnejhom il-kobor u l-organizzazzjoni tal-Librerija. Jien ċert li jibqgħu mpressjonati.
Miktub minn Anton Farrugia



