Id-Devozzjoni tal-Erbgħat ta’ Santa Marija
Id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna xterdet bis-sħiħ minn San Alfonz Marija de Liguori li kiteb u għallem li “id-demonju minn dejjem beża’ mill-vera devozzjoni lejn il-Madonna, għax din id-devozzjoni hi sinjal ta’ predestinazzjoni”. Hekk bdiet id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna. F’relazzjoni ma’ Santa Marija, intgħażlu ħmistax-il Erbgħa u ħmistax-il jum jew kwindiċina – aktarx b’rabta mad-data tal-ħmistax t’Awwissu, festa ta’ Santa Marija. L-Erbgħat ta’ Santa Marija huma okkażjoni sabiħa biex nippreparaw għall-festa tal-Patruna Tagħna. Tajjeb li bħala Komunità Parrokkjali niġu l-Katidral u nitolbu lil Santa Marija u nieħdu sehem waqt il-quddiesa. Jalla Ommna Santa Marija tkun għalina lkoll dik l-Omm li tressaqna lejn Binha Ġesù li huwa dejjem magħna fil-Komunità Ekkleżjali. Huwa dmir u pjaċir tagħna li nkomplu din it-tradizzjoni u d-devozzjoni tal-Erbgħat ta’ Santa Marija. Ejjew ilkoll flimkien kull nhar t’Erbgħa, niċċelebraw il-Quddiesa tas-7.15pm bis-sehem tas-Saċerdoti tal-Parroċċa tagħna u tal-kor tal-Parroċċa. It-tema tal-Erbgħat ser tkun It-Tagħlim tal- Beatu Ġwanni Pawlu II fuq il-Madonna. Fis-6.45pm ikollna r-Rużarju meditat immexxi minn xi grupp fi ħdan il-Komunità Parrokkjali. Waqt il-quddiesa tad-9.00pm, animata bil-kant ta’ Mario Caruana, jiġu msemmija l-għeżież mejtin tal-familji li joqogħdu f’dawk it-toroq li jkunu mistiedna f’dik il-Erbgħa. Ftit qabel ma tibda l-quddiesa intom tistgħu tagħtu l-isem u l-kunjom tal-qraba tagħkom fis-sagristija, biex imbagħad dawn jiġu msemmija waqt il-quddiesa. It-Tlugħ fis-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem ta’ Sidtna Marija hu wieħed mill-aqwa sinjali li Alla l-Missier tana wara l-Qawmien ta’ Ibnu Ġesù, fil-mixja tagħna l-bnedmin lejn il-milja tal-eżistenza tagħna, jigifieri li nkunu bħal Santa Marija u magħha għall-eternità flimkien mal-angli u l-qaddisin kollha. Ejjew inkomplu nqimu u nagħrfu lil Santa Marija bħala Ommna u nagħmlu ħilitna biex ngħixu bħala uliedha b’imġiba tajba ma’ ħutna u mal-proxxmu tagħna kollu. |

Mill-Arċipriet


Id-devozzjoni tal-Erbgħat tal-Madonna tmur lura għas-Sena Mqaddsa 1500. L-Erbgħa, 24 ta’ Ġunju 1500, Federiku t’Aragona (19 t’April 1452 – 9 November 1504), re ta’ Napli, ta’ Sqallija, u anki ta’ Malta u Għawdex, ġabar il-morda kollha ta’ Napli fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu biex jitolbu ’l Madonna l-fejqan li tant kienu jixtiequ. Jingħad li fil-mument tal-Konsagrazzjoni ħareġ dawl qawwi minn inkwadru devot tal-Madonna u fejjaq il-morda kollha.